Merħba għal sena skolastika ġdida

Għeżież Ġenituri,

Merħba mill-ġdid fl-iskola tagħna! Bil-għajnuna t’Alla tajna bidu għal sena skolastika oħra. Nitlobkom biex ġentilment tagħtu kas ta’ din l-informazzjoni li ser ngħaddilkom:

1.    Dħul fl-iskola

Id-dħul u ħruġ mill-iskola għall-istudenti minn Year 1 sa Year 6 isir minn naħa tal-bini il-ġdid taċ-Ċentru Ċiviku (Kunsill Lokali) waqt li d-dħul fl-iskola u ħruġ mill-iskola għat-tfal tal-Kinders isir mill-bieb tas-sala.

Waqt il-ħin tal-iskola l-bieb tas-sala ma jkunx miftuħ u d-dħul isir biss mill-bieb prinċipali wara li tindaqq il-qanpiena li hemm ħdejn il-bieb.

2.   Festa ta’ San Mikiel

Kif dejjem għamilna f’dawn l-aħħar snin l-ewwel Quddiesa fl-iskola se ssir nhar il-Ħamis 29 ta’ Settembru, festa tal-Arkanġli Mikiel, Rafel u Gabrijel. Il-quddiesa tkun fid-8.45am fis-sala tal-iskola u kulħadd huwa mistieden.

3.  Ħidma biex insebbħu l-iskola

Kull min jidħol fl-iskola mill-ewwel jinduna bit-tisbiħ kbir li reġa’ sar matul is-sajf li għadda. Fost l-oħrajn inbidel il-madum tal-kurituri t’isfel u tat-taraġ. Dan ix-xogħol sar bl-inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministru l-Onor Giovanna Debono ħadet interess kbir fix-xogħol u żaret l-iskola matul is-sajf biex tara li x-xogħol qed isir sew.

Kif tafu, bl-inizjattiva tal-Gvern u l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea kull klassi, inkluż il-klassijiet tal-Kinder issa għandhom ‘interactive whiteboard’. Kif tistgħu tissoponu saru spejjeż kbar ħafna. Importanti għalhekk li tgħinuna nżommu kollox f’postu billi twissu lit-tfal biex jibżgħu għall-affarijiet u qatt ma jagħmlu ħsara fi proprjeta’ la ta’ l-iskola u lanqas ta’ ħadd.

4.  Laqgħat għall-ġenituri fil-bidu tas-sena skolastika

Il-laqgħat tal-għalliema mal-ġenituri tat-tfal tal-klassijiet tagħhom ser isiru kif ġej:

Year 6                          It-Tnejn 10 ta’ Ottubru

Year 5                          It-Tlieta 11 ta’ Ottubru

Year 4                          L-Erbgħa 12 ta’ Ottubru

Year 3                          Il-Ħamis 13 ta’ Ottubru

Year 2                          Il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru

Kinder                          It-Tnejn 17 ta’ Ottubru                                    

Year 1                          It-Tlieta 18 ta’ Ottubru

Il-ħin ikun dejjem fis-1.00pm.  Il-Post tkun il-kamra ta’ ħdejn l-uffiċċju tal-Kap tal-Iskola.

5. Animal Awareness Day

Fl-iskola tagħna sejrin niċċelebraw ‘Animal Awareness Day’ nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ottubru. Dak inhar min irid jista’ jġib il-pet tiegħu biex jitbierek. It-tberik isir fl-10.30am u wara xi ħadd mill-ġenituri jiġbor dan il-pet. Il-pet ma jistax ikun annimal li ma jistax jinżamm marbut jew ġo xi kontenitur. Nitlob il-ko-operazzjoni ta’ kulħadd biex din l-attivita’ tirnexxi.

6. Regolamenti tal-Iskola

Nixtieq nerġa’ nfakkar lil kulħadd fir-Regolamenti ta’ l-iskola kemm għall-istudent u anke għall-ġenituri. Ir-regolamenti jinsabu ‘online’ fuq il-websajt tal-iskola (Code of Ethics) www.ghajnsielemprimary.wordpress.com Il-ġenituri kollha huma ġentilment mitluba li ma jiġux l-iskola biex ikellmu lil xi għalliem/a jew lill Kap tal-Iskola mingħajr appuntament.

7. Il-Qari

Qed jiġi nnutat li t-tfal mhumiex jaqraw biżżejjed. Mingħajr il-qari ma tistax titgħallem il-lingwa. Mingħajr għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża t-tfal ma jistgħu jimxu ‘l quddiem lanqas f’suġġetti oħra speċjalment fil-matematika. Nixtiequ minn qalbna nagħmlulkom appell biex inħajru lit-tfal, speċjalment iż-żgħar, ħalli jaqraw. Infakkrukom ukoll li l-librerija tal-iskola tkun miftuħa filgħodu qabel tibda l-iskola. Infakkrukom li “Min jaf jaqra, iżda ma jaqrax, ma għandu l-ebda vantaġġ fuq min ma jafx jaqra”.

 

8. Kolazzjon Tajjeb

It-tfal m’għandhom qatt jintbagħtu l-iskola mingħajr ma jkunu ħadu kolazzjon tajjeb. Dan il-kolazzjon għandu dejjem jinkludi l-ħalib u xi frott. Ir-riċerka turi li dawk it-tfal li ma jkunux ħadu kolazzjon tajjeb ma jkunux jistgħu japprofittaw biżżejjed mit-tagħlim li jsir fl-iskola.

9. Abbuż tal-alkoħol

Nerġa nfakkar li huwa kontra l-liġi li inti tagħti alkoħol lil min hu taħt is-16–il sena aħseb u ara jekk tagħtih lil tfal taħt il-11–il sena. Dan jgħodd ukoll għall-weekends. Jekk ikolli informazzjoni li t-tfal tagħna qed jixorbu l-alkoħol jiena mill-ewwel nirraporta lill-Pulizija.

J’alla jerġa’ jkollna sena tajba u j’alla nkomplu naħdmu għall-ġid tat-tfal u tar-raħal tagħna.

Tagħkom,

Miss Pauline Grech (Kap tal-Iskola)

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s